HomeLokaliDivertiment15-il ħaġa li għandek bżonn tkun taf fuq il-Junior Eurovision

15-il ħaġa li għandek bżonn tkun taf fuq il-Junior Eurovision

Ftit tal-minuti ilu għadha kif bdiet l-14-il edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest li qed issir f’Malta, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Huwa stmat li bħalissa hemm 10 miljun ruħ qed isegwu l-Junior Eurovision mill-Ewropa, l-Asja u l-Awstralja. U jekk int wieħed minnhom, dawn huma xi affarijiet li meta tkun tafhom żgur se tieħu gost tarah aktar, u jekk mintix qed tarah, dawn l-affarijiet jaf iħajruk tixgħel it-televixin u tarah.

1. L-ewwel kantanta Maltija li ħadet sehem fil-JESC kienet Sarah Harrison, bid-diska Like a Star, u kwalifikat fis-7 post. Illum il-ġurnata Sarah Harrison hija DJ f’Londra u kif ukoll tippreżenta programm tar-radju f’Londra.

 

2. Is-sena l-oħra l-kantanta Maltija Destiny Chukunyere rebħet il-JESC. Destiny kienet l-aktar kantanta li qatt ġabet punti mill-kantanti kollha li qatt ħadu sehem fl-istorja tal-Junior Eurovison.

 

3. Bejn l-2011 u l-2012 Malta ma ħaditx sehem fil-JESC, iżda fl-2013 mhux talli Malta reġgħet ħadet sehem, imma talli rebħet il-JESC għall-ewwel darba, bil-kanzunetta The Start, interpretata minn Gaia Cauchi.

 

4. Għalhekk, fl-2014 il-JESC ittella’ għall-ewwel darba f’Malta fix-Ship Building il-Marsa, u sewa’ lil Malta madwar 1.4 miljun ewro.

jesc-2014-malta

 

5. Ġeneralment żewġ preżentaturi, raġel u mara, jippreżentaw il-JESC, iżda fl-2014 għall-ewwel darba fl-istorja tal-JESC, f’Malta preżentatu preżentattriċi waħda – Moira Delia. Din is-sena qed jippreżentaw Ben Camille u Valerie Vella.

moira

 

6. Malta hija l-aktar pajjiż li qatt rebaħ il-Junior Eurovision…flimkien mal-Ġorġja u l-Belarus. It-tliet pajjiżi rebħuh darbtejn kull wieħed.

destiny-u-gaia

 

7. Mhux bilfors li l-pajjiż li jirbaħ, itella’ il-JESC f’pajjiżu, fil-fatt erba’ darbiet biss ittella’ fil-pajjiż li kien rebaħ is-sena ta’ qabel, darbtejn minnhom f’Malta.

eurovision-stage

 

8. Mill-2005, kull kontestant beda jingħata 12-il punt qabel ma jibda l-għadd tal-voti, biex b’hekk l-ebda kontestant ma jispiċċa b’żero punti.

voting

 

9. Għal xi żmien, waħda mir-regoli tal-JESC kienet li t-tfal kellhom jiktbu d-diska huma stess, iżda wara xi żmien inbidlet, probabilment għax irrealizzaw li mhux it-tfal kienu qed jiktbuhom id-diski.

 

10. Fl-2008, tlett itfal lebsin ta’ naħal kienu rrappreżentaw lill-Ġorġja. Din id-diska kienet bl-lingwa vvintata, li skonthom hija l-lingwa tan-naħal. Tismagħha tweġġagħlek rasek.

 

11. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-JESC, din is-sena qed jixxandar LIVE il-Ħadd waranofsinhar. L-organizzaturi Maltin irraġunaw li s-Sibt filgħaxija mhux ħin tat-tfal, u ħafna tfal fl-Ewropa li qegħdin xi sigħat warajna, ikollhom bilfors jibdew jarawh f’xi l-ħdax ta’ bil-lejl.

wara-nofsinhar

 

12. Din is-sena, għall-ewwel darba m’hemmx televoting. Fis-snin ta’ qabel t-televoting kien ikun 50% ġurija u 50% televoting, iżda minn din is-sena se jitneħħa t-televoting għaliex it-telefonati naqsu maż-żmien. Għalhekk din is-sena hemm sistema ta’ ħafna ġurija differenti, inkluż ġurija tfal.

 

13. Bħalissa Malta hija probabilment l-unika pajjiż fid-dinja li qed itajjar il-bnadar tal-Ukraina u r-Russja maġenb xulxin.

 

14. Joanna Balzan u George Cremona kienu għamlu riċerka li fiha sabu li kull kanzunetta li rebħet il-JESC kellha t-tema tal-imħabba. Imħabba għan-natura, jew għall-mużika, jew għall-ġenituri, jew xi ħaġa simili. Tgħid din is-sena wkoll?

 

15. Illum il-kantanta Maltija Christina Magrin se tkanta l-kanzunetta Parachute fil-ħames post. Christina taf tkanta bi 12-il lingwa differenti!

 

It-tim ta’ Xarabank jixtieq jawgura lill-kontestanti kollha, speċjalment lil kantanta Maltija, Christina!

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Jessica.camilleri@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.