HomeInternazzjonaliAħbarijietAĠĠORNATA: Mariah Carey tħawwad lejlet l-Ewwel tas-Sena

AĠĠORNATA: Mariah Carey tħawwad lejlet l-Ewwel tas-Sena

Il-kantanta internazzjonali Mariah Carey ma tantx spiċċat is-sena bit-tajjeb. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-bidu tas-sena f’Times Square, Mariah Carey kienet mistiedna biex tkanta quddiem miljun ruħ li kienu fil-pjazza, u quddiem miljun oħra li kienu qed jisimgħuha live fuq it-televixin.

Mariah Carey, li hija magħrufa bħala waħda mill-aktar kantanti bravi fid-dinja, hija wkoll magħrufa li hija diva kbira, u dak li ġralha lbieraħ jista’ jkun sintomu tad-‘divaġni’ tagħha. Ilbieraħ, Mariah Carey kellha tkanta playback, jiġifieri kellha l-vuċi diġà rekordjata u l-pjan kien li hi tagħmel lip-sync mal-kanzunetti. Però kien hemm problema teknika u fl-aħħar minuta Carey kellha tkanta live. U hawn bdew l-iżbalji, għaliex Carey ma kinitx taf il-kliem tal-kanzunetti tagħha bl-amment. Ma setgħetx titla’ xi noti wkoll, u dak il-ħin bdiet tistieden lill-udjenza jkantaw ‘minflokha’, imma l-udjenza bdiet tindunaw li ġrat xi ħaġa.

carey-1

Dwar il-problemi tekniċi, fuq l-istejġ Carey kkummentat: “Ejja! Qed nipprova nkun sport!” Din il-ħaġa damet għaddejja għal diversi minuti, li żgur li għaliha dak il-ħin dehru twal eternità. Meta Carey ma setgħetx tkompli tkanta, bdiet tippassiġġa fuq l-istejġ, donnha ma tafx x’se tagħmel. Iż-żeffiena ta’ madwarha komplew jiżfnu qisu ma ġara xejn, imma fl-aħħar, Carey ma setgħetx tissapporti aktar u qalet: “It is what it is. It just don’t get any better.” U telqet ’il barra minn fuq il-palk.

Qed jingħad li Mariah Carey lanqas kienet għamlet soundcheck qabel il-performance, u l-organizzaturi tal-kunċert qalu li kienu mwerwrin li Mariah Carey mhux se tasal fil-ħin għall-performance. Il-fans tagħha dak il-ħin stess bdew jikkummentaw b’mod negattiv.

carey-2“Jien ilni fan tagħha minn meta bdiet, imma issa daqsekk.”

“Is-sena tiegħi kienet ħażina u spiċċat ħażina anke f’Times Square b’Mariah Carey.”

“Mort inkanta ma’ Mariah Carey u Mariah Carey ma kantatx u spiċċajt inkanta minflokha.”

“Issa xieraq iħallsuha xorta!”

Aħna kkuntattjajna lit-tenur Malti Joseph Calleja, li bħalissa qiegħed Berlin u f’dal-jiem għadu kif kanta quddiem teatru ppakkjat f’Kunċert tal-Milied li kellu għan filantropiku. Calleja llum meqjus minn ħafna kritiċi bħala l-aqwa tenur tad-dinja u wara kull performance ikollu reviews internazzjonali li jikkummentaw dwar it-talent u t-teknika straordinarji li għandu. Allura ħsibna li jkun interessanti li nistaqsu lilu dwar dan l-inċident ta’ Carey, għaliex jekk toqgħod taħseb ftit, dil-ħaġa li ġrat lil Carey tista’ tiġri lilu wkoll.

“Hi ħaġa magħrufa li ħafna kantanti pop ikantaw playback. Fil-fatt, waħda mill-kundizzjonijiet li nagħmlu għall-kantanti li jiġu fil-kunċert tiegħi li nagħmel kull Sajf hawn Malta hija li jkantaw live,” jgħid Joseph Calleja.

“Li ġara fil-każ ta’ Mariah Carey kien nuqqas ta’ preparazzjoni” – Joseph Calleja

U meta staqsejnih jekk qattx ġratlu xi ħaġa bħal ta’ Mariah Carey, Calleja qalilna: “Li ħassejtni ħażin waqt li bdejt inkanta iva, imma f’dan il-każ (ta’ Mariah Carey) kien nuqqas ta’ preparazzjoni. Dik qatt ma ġratli u nispera li qatt ma tiġrili.”

times-square

Il-folla miġbura f’Times Square ilbieraħ filgħaxija

Ritratti: www.dailymail.co.uk, Reuters, ABC

Kummenti

Share With:
Rate This Article

peppi.azzopardi@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.