HomeInternazzjonaliAħbarijietAra ftit mill-waqtiet waqt l-ikla tal-Caritas li għaliha attendew 300 ruħ

Ara ftit mill-waqtiet waqt l-ikla tal-Caritas li għaliha attendew 300 ruħ

Illum, f’Jum il-Milied, il-Caritas f’Malta organizzaw ikla kbira għal dawk kollha li ma kellhomx x’jieklu jew inkella ma kellhomx ma’ min jieklu fil-Jum tal-Milied. Għal din l-ikla, l-Arċisqof fetaħ il-bibien tal-Kurja u laqa’ lil kulħadd fil-bitħa taħt tinda kbira u attendew madwar 300 ruħ. U għal din l-okkażjoni speċjali, l-amministrazzjoni, l-istaff, u ħafna voluntiera tal-Caritas għażlu li f’Jum il-Milied, flok jieklu mal-familji tagħhom, imorru jsajru u jservu lin-nies waħedhom.

5-staff

Uħud mill-istaff u l-voluntiera tal-Caritas waqt l-ikla tal-lum

Din l-ikla ġiet organizzata għat-tieni sena konsekuttiva, wara li s-sena l-oħra, il-Caritas ħasbet biex torganizza ikla għal dawk li m’għandhomx x’jieklu fil-jum tal-Milied. “Meta bdejniha ħsibna li se jiġu nies li għandhom problema tad-droga, jew li huma fqar, u allura m’għandhomx x’jieklu. Imma ndunajna li ħafna min-nies li ġew kellhom biżżejjed flus biex imorru jieklu għall-Milied, imma ġew l-ikla tagħna għax ma felħux jgħaddu Milied ieħor jieklu waħedhom,” jgħidilna Leonid, id-Direttur ta’ Caritas Malta.

“Din l-ikla għallmitna li f’pajjiżna għandna aktar faqar ta’ solitudni milli faqar materjali.”

2-leonid

1-leonid

Leonid, id-Direttur ta’ Caritas Malta, flimkien mal-President waqt l-ikla tal-lum

Din is-sena wkoll, it-tinda li ntremgħet fil-Kurja tal-Furjana kienet mimlija b’ħafna nies li għal xi raġuni jew oħra, dal-Milied kienu se jieklu waħedhom, u ġew hemm biex fil-Milied għall-inqas ikollhom ma’ min jgħidu kelma.

“Hija tal-mistħija li f’pajjiżna llum il-ġurnata għad għandna nies li fil-Milied m’għandhomx ma’ min jgħidu kelma,” jgħidilna ż-żagħżugħ Andre Bonello, li wkoll jaħdem mal-Caritas. “L-ikbar suċċess ta’ din l-ikla jkun jekk nagħmluha u ma jiġi ħadd,” ikompli jgħidilna.

“L-ikbar suċċess ta’ din l-ikla jkun jekk nagħmluha u ma jiġi ħadd.”

3-andre

Andre Bonello mill-Caritas Youths mal-President ta’ Malta waqt l-ikla

4-andre

Andre Bonello ma’ Peppi Azzopardi waqt l-ikla tal-lum

Għal din l-ikla marru wkoll l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, il-fundatur tal-Caritas Dun Victor Grech, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, il-President Emeritu George Abela u saħansitra Joseph Calleja, li daħal b’sorpriża mat-tfal tiegħu waqt l-ikla u beda jkanta l-carols tal-Milied.

8-george-abela

Il-President Emeritu Dr George Abela

Mal-President ta’ Malta kien hemm ukoll is-Sur Preca u flimkien daru u tkellmu man-nies preżenti, li ħafna minnhom ukoll fetħu qalbhom magħhom.

F’kumment li tat jum qabel l-Istrina, il-President qalet li minn issa trid tirringrazzja lin-nies tal-ġenerożità tagħhom kemm bil-ħin, kif għamlu llum il-voluntiera tal-Caritas, u kemm bid-donazzjonijiet, kif se jagħmlu għada fl-Istrina.

6-president

Il-President ta’ Malta titkellem man-nies li ġew għall-ikla

“In-nies ma ridux imorru d-dar,” qalilna Andre, “imma għandna sodisfazzjon kbir għax nafu li kieku ma kinitx din l-ikla, dawn in-nies illum kienu jqattgħu l-jum tal-Milied kollu waħedhom.”

“In-nies ma ridux imorru d-dar.”

Fuq Facebook, waħda mill-voluntiera li kienu preżenti għall-ikla, Claudia Muscat, qalet li kieku marret party ġo five star hotel ma kinitx tieħu pjaċir daqs kemm ħadet fl-ikla tal-lum. Qalet li għall-ikla ġew nies id-doppju ta’ kemm kienu qed jaħsbu li se jiġu, u inkwetaw li se jispiċċa l-ikel. Imma f’daqqa waħda jitfaċċa caterer wara l-bieb, jgħidilhom li sema’ bl-inizjattiva dalgħodu stess u ried jagħtihom xi ikel b’xejn. “Mhux talli kien hemm biżżejjed ikel, imma talli kien hemm id-doppju għal kulħadd, u kulħadd mar id-dar b’kaxxa mimlija ikel take away,” tgħid Claudia.

“Kien qisu bħall-miraklu tal-ħobż.”

7-post-claudia

9-group

Sadanittant infakkrukom li l-festa tal-ġenerożità tkompli għada t-Tnejn bl-Istrina, li se tixxandar live fuq l-istazzjonijiet kollha ta’ Malta.

Kummenti

Share With:
Rate This Article

mark.zammit@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.