HomeBla KantunieriBIL-FILMAT: “Qed jgħiduli li ma nistax naħdem man-nies”

BIL-FILMAT: “Qed jgħiduli li ma nistax naħdem man-nies”

Wara li fl-aħħar jiem fuq newsbook.com.mt ħarġet l-istorja tar-raġel li ma jridux jagħtuh permess jaħdem bħala xufier ta’ taxi għaliex għamel żmien jiskonta sentenza l-ħabs, illum dan is-sit qiegħed jippubblika intervista mar-raġel innifsu – Marlon Camilleri, li jirrakkonta l-istorja kollha f’intervista qasira li tista’ taraha fil-filmat ta’ hawn taħt:

Marlon jgħidilna li sa ħames snin ilu kien jabbuża mid-droga u saħansitra kien jisraq biex ikun jista’ jixtri d-droga. Kien weħel ukoll sentenza ta’ sena u nofs ħabs fuq serq ta’ ammonti żgħar. Mandakollu, minn dakinhar ’l hawn, Marlon skonta s-sentenza u ħareġ mill-ħabs, irnexxielu jagħmel programm biex jaqta’ d-droga u issa ilu ħames snin clean. Illum huwa bniedem rijabilitat, qiegħed f’relazzjoni soda u qed jistenna li jkollu tarbija dalwaqt. Mhux hekk biss, imma fl-isforzi tiegħu biex jibni ħajja ġdida, Marlon irnexxielu jsib xogħol ta’ xufier tat-taxi ma’ kumpanija privata.

Imma hawnhekk beda l-inkwiet. Biex isir xufier kellu bżonn tag maħruġa minn Transport Malta, u biex toħroġ din it-tag ried jagħmel eżami. Għamel l-eżami u għadda, imma meta mar biex jiġbor it-tag, ma tawhielux għax qalulu li ma jistax jaħdem f’dax-xogħol ladarba għandu l-kondotta mċappsa.

“Meta offrewli x-xogħol kont ferħan wisq għax fl-aħħar stajt nibda nibni ħajja mill-ġdid kif xtaqt,” jgħidilna Marlon, “u fraħt aktar meta għamilt il-kors u l-eżami għat-tag u għaddejt mill-ewwel.”

“Dan li jrid joffrili xogħol qalli li jafdani b’għajnejh magħluqin.”

Marlon jgħidilna li meta staqsa għalfejn ma jistax jaħdem ta’ xufier tat-taxi qalulu li skont il-liġi, peress li għandu l-kondotta maħmuġa, ma jistax jaħdem f’xogħol fejn huwa involut direttament man-nies.

“Meta staqsejthom għalfejn qaluli: ‘għax se tkun involut man-nies.'”

Marlon iħoss li din hija inġustizzja kbira, għaliex mhux sew li minħabba żball li għamel fil-passat, se jkollu jibqa’ jbati l-konsegwenzi għal għomru. B’qalbu maqsuma jgħidilna: “Jiġifieri issa li jiena clean minix tajjeb biex inkun man-nies?!”

Marlon kiteb ukoll lill-Ministru tat-Trasport, Joe Mizzi, u lill-Prim Ministru, imma qal li ma sabx għajnuna mingħandhom. Min-naħa tagħna, aħna wkoll bagħtna lill-Ministru Joe Mizzi u tlabnih biex iweġibna dwar dan il-każ u każijiet simili.

U mhux hekk biss. Aħna mmorru oltre. Aħna qed nistaqsu għalfejn il-kondotta f’Malta tiċċappas biss. Bħalma tiċċappas, il-kondotta għalfejn m’għandhiex titnaddaf? Għalfejn m’għandniex naddottaw sistema li jekk persuna b’kondotta maħmuġa tagħmel affarijiet tajbin, titnaddfilha l-kondotta? Għax is-sistema kif inhi tikkundanna għal għomorhom lil dawk li jagħmlu xi ħaġa ħażina, u fil-fehma tagħna, din hija inġusta.

Xarabank.com.mt se jibqa’ jsegwi din l-istorja u se nżommukom infurmati bl-iżviluppi.

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Jessica.camilleri@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.