HomeEwleninBIR-RITRATTI U L-FILMATI: Il-funeral ta’ Matthew Azzopardi li sar dalgħodu

BIR-RITRATTI U L-FILMATI: Il-funeral ta’ Matthew Azzopardi li sar dalgħodu

Mijiet ta’ nies inġabru fil-Knisja tal-Mosta dalgħodu biex jagħtu l-aħħar tislima liż-żagħżugħ Matthew Azzoaprdi, li fl-ewwel jum tas-sena tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku.

matthew-cover

Matthew Azzopardi

Il-ħbieb kollha ta’ Matthew iltaqgħu ħdejn il-Kappella ta’ San Silvestru fil-Mosta dalgħodu u flimkien saqu bil-karozzi tagħhom f’korteo sal-Knisja, li matul il-funeral kollu kienet mifqugħa bin-nies. Fost l-oħrajn, wieħed minn sħabu kien qed isuq il-karozza ta’ Matthew stess, u fuq ħafna mill-karozzi feġġet l-isticker bil-kelmiet: Gone too soon, but never forgotten.

Waqt il-quddiesa wieħed minn sħabu qara poeżija li ġiet ippubblikata fuq is-santa, u waqt l-omelija, Dun Sebastian Caruana qal li Matthew kien bniedem ferrieħi li jipprova jnissel tbissima fuq sħabu u sħabu kienu jgħidulu ‘l-Father Christmas.’

Waqt li t-tebut kien ħiereġ mill-knisja daqqewlu l-kanzunetta See you Again, ta’ Wiz Khalifa. Din il-kanzunetta nkitbet wara li miet l-attur famuż Paul Walker u ntużat bħala parti mis-soundtrack tal-film Fast and Furious 7.

Wara l-funeral, il-ħbieb ta’ Matthew marru bil-karozzi ta’ Qali u għamlu tribute lil Matthew bil-karozzi tagħhom.

Matthew kien l-ewwel vittma tal-2017 u kien għad kellu biss 26 sena. Iż-żagħżugħ tilef ħajtu meta kien qed isuq fi Vjal Indipendenza, fil-Mosta stess, tilef il-kontroll tal-mutur, ħabat ma’ vann pick-up u nqabad taħtu. L-operazzjoni biex jinħareġ minn taħt il-vann kienet delikata ħafna u ż-żagħżugħ ittieħed l-isptar malajr f’ambulanza. Iżda wara ftit ħin li daħal l-isptar miet.

matthew-1

 

matthew-2

Waħda mill-istickers li twaħħlu mal-karozzi

 

matthew-4

Il-karozzi tal-ħbieb ta’ Matthew li mxew f’korteo lejn il-Knisja tal-Mosta

 

matthew-5

Il-karozza ta’ Matthew, misjuqa minn wieħed mill-ħbieb tiegħu

Din hija l-poeżija li ġiet miktuba għall-funeral u li ġiet ippubblikata fuq is-santa li tqassmet lil dawk il-mijiet ta’ nies.

Għażiż Matthew,

Meta naħseb fik

nara xena sabiħa

karozzi, tajers, duħħan,

tbissima u mhux dieqa.

Kont ġuvni kollok enerġija

f’kull ħaġa tara l-pożittiv,

taħdem u tistinka,

tista’ tgħid dejjem attiv.

Madwarek kulħadd jitbissem:

tinkoraġġixxi lill-batut

u fejn ma jasalx waħdu,

tgħinu, l-aqwa li ma tarahx fallut.

Nuqqas kbir ħallejt f’qalbna

x’ħin dlonk ġriet l-aħbar.

Raġel kbir u leġġenda,

iktar ħuna milli ħabib mill-kbar!

Dik id-daħka ferreħija

kienet tagħmilha kuraġġ.

Flok nibku rridu nifirħu,

għax għalina Matthew ma spiċċax.

Grazzi Matt,

ta’ kemm għamilt magħna!

Inħobbuk!

Ħa tibqa’ dejjem fit-talb tagħna!

Sakemm nerġgħu niltaqgħu…

Ritratt tal-faċċata: one.com.mt

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Daniela.Farrugia@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.