HomeEwleninDin hi l-istorja ta’ kif l-MP Marlene Farrugia qabżet ġo baħar mimli bram bi żball

Din hi l-istorja ta’ kif l-MP Marlene Farrugia qabżet ġo baħar mimli bram bi żball

Dawk li jafu mill-qrib lill-membru parlamentari u dentist Marlene Farrugia, żgur li jafu li Marlene tgħum is-sena kollha, Sajf u Xitwa. U min jafha ftit aktar mill-qrib jaf ukoll li meta tinżel tgħum ma toqgħodx tilbes malja. Ħafna drabi tkun qiegħda passiġġata, tgħaddi mal-baħar, u taqbeż qabża ta’ malajr bil-ħwejjeġ tal-jogging.

Din l-imbierka storja tal-bram seħħet f’waħda minn dawn il-ġranet, meta Marlene u t-tifel tagħha marru passiġġata. Kien l-Ewwel tas-Sena u kienu qed jimxu lejn Għajn Tuffieħa. U Marlene iddeċidiet li taqbeż qabża l-Ġnejna. Tirrakkonta kif neżgħet in-nuċċali tal-viżta u qabżet il-baħar.

Madanakollu, ftit sekondi wara li messet mal-ilma bdiet tħoss ħafna tingiżiet żgħar ’l hawn u ’l hemm. Ħarset madwarha u ndunat li kienet qed tgħum “f’baħar infestat bil-bram.”

“Il-bram beda tiela’ ’l fuq, bħallikieku qed jgħid, ‘imbierek Alla x’ġid hawn illum!'”

Marlene tgħid li llum tidħak meta tiftakar f’dik is-sitwazzjoni, imma x’ħin kienet qed tgħixha verament ma kinitx tad-daħk. Tirrakkonta kif dak il-ħin ma setgħetx tgħum lura minn fejn qabżet, u allura kellha tgħum bil-bram madwarha san-naħa l-oħra tal-bajja. Sakemm waslet, kienet għaddejja fi kruċjata sħiħa mal-bram, u meta waslet, imn’Alla kien hemm it-tifel tagħha li għenha titla’, għax biex tgħaxxaq dak il-ħin bdiet nieżla x-xita u ma setgħet taqbad ma mkien biex titla’ l-art.

Marlene irrakkuntat din l-istorja ħelwa lbieraħ waqt Xarabank, u hawn taħt tista’ tara r-rakkont tagħha waqt il-programm. F’dawn il-jiem tal-Milied, f’Xarabank qed jiġu ħafna personalitajiet, politiċi u mexxejja tal-pajjiż u kollha se jirrakkontaw minn xiex għaddew matul din is-sena.

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Daniela.Farrugia@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.