HomeInternazzjonaliAħbarijiet‘God saved the Queen’ wara li suldat minn tagħha stess kien kważi sparalha

‘God saved the Queen’ wara li suldat minn tagħha stess kien kważi sparalha

Fil-midja internazzjonali qed jiġi rrappurtat li r-Reġina Eliżabetta t-Tieni tista’ tgħoddha b’waħda, wara li suldat minn dawk li suppost jgħassuha kien kważi sparalha fir-residenza tagħha stess, f’Buckingham Palace.

Qed jiġi rrappurtat li lejla fost l-oħrajn, f’nofs ta’ lejl, il-maestà tagħha ma setgħetx torqod u fettlilha tmur tippassiġġa fil-ġnien tagħha stess. U kienet se tkun l-aħħar passiġġata ta’ ħajjitha għax wieħed mill-gwardjani li kien qed jgħasses id-dawra tal-Palazz lemaħ din il-figura miexja fid-dlam, ħasibha ħalliel jew assassin u kien se jisparalha.

garden

Il-gwardjan li kien se jagħmel din il-froġa qal lill-gazzetta Ingliża The Times li dak il-ħin, x’ħin ra l-figura miexja fid-dlam kien ħa jispara, imma nduna li kienet ir-Reġina, ġibed waħda ħafifa u mar jgħidilha li kien se jiparalha bi żball. Ovvjament il-lingwaġġ li uża ma kienx lingwaġġ li wieħed għandu juża mal-maestà tagħha r-Reġina Eliżabbetta tal-Ingilterra. Imma qal li r-Reġina fehmet dak li għamel u ma ċanfritux, u qaltlu li darba oħra, meta tkun se toħroġ tippassiġġa f’nofs ta’ lejl kienet se tavżah minn qabel.

Dan kien verament każ ta’ God SAVED the Queen.

Xi ħaġa simili kienet ġrat lill-Prinċep Andrew fl-2013, meta wkoll kienu ħasbuh xi ħadd li daħal bla permess fil-Palazz, peress li qabeż ix-xtiebi u l-gradi li kien hemm madwar Buckingham Palace. U biex ngħidu kollox, mhuwiex daqsekk diffiċli li tidħol iddur fil-ġonna ta’ Buckingham Palace, u fil-fatt ġrat diversi drabi. Jingħad li darba kien hemm persuna li qabżet il-gradi, daħlet fil-ġnien u għamlet xi għaxar minuti ddur ġol-Palazz.

Huwa magħruf sew li r-Reġina ddur b’ħafna sigurtà madwarha. Kulħadd jaf x’sigurtà kellha meta ġiet Malta pereżempju. Fi żmien ic-CHOGM tas-sena l-oħra minjaf kemm mijiet ta’ nies kienu qed isuqu fit-triq u kellhom iwarrbu għall-ġenb biex tgħaddi r-Reġina u l-purċissjoni ta’ karozzi li dejjem jivjaġġaw magħha. Jingħad ukoll li r-Reġina Eliżabetta tħossha skomda ħafna meta tkun esposta wisq għall-pubbliku u tant hu hekk, li meta kienet Malta u kellha bżonn toħroġ mill-Palazz tal-President u tmur sal-Corinthia Hotel faċċata, ħarġet bil-karozza, avolja kull ma kellha tagħmel kien li taqsam triq żgħira.

regina-mal-president

Ritratt minn VOA News

Apparti hekk, xarabank.com.mt sar jaf li meta kienet Malta, ir-Reġina riedet li biex torqod ikollha minn tal-anqas żewġ pulizija jippassiġġaw quddiem il-bieb tal-kamra fejn kienet qed torqod. Dan biex matul il-lejl, jekk jinqala’ xi ħaġa ssib lill-pulizija. Kull fejn tmur ir-Reġina dejjem tkun trid li magħha jkollha tim mediku, u meta toħroġ, anke jekk toħroġ bil-karozza, tkun trid l-ambulanza ssuq warajha. Xi ħaġa interessanti li tagħmel il-maestà tagħha meta tkun barra minn pajjiżha hi li magħha tieħu l-frieket u s-skieken tagħha, u saħansitra tieħu x-xugamani. F’każijiet oħra ġieli anke ġarret il-karozza tagħha minn pajjiż għal ieħor fuq ajruplan!

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Andrew.BorgCarbott@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.