HomeLokaliAttivitajietHemm żewġt itfal il-Belt li qed jitilfu rigal kull filgħaxija

Hemm żewġt itfal il-Belt li qed jitilfu rigal kull filgħaxija

Ħa nispjegawlek…ħa nispjegawlek. Aħna apposta niktbuhom daqsejn hekk it-titli tal-artikli…ħalli nżommulek naqra kulur u avventura fil-ħajja. Issa se nispjegawlek x’inhi l-istorja. F’dawn il-jiem, sal-aħħar tas-sena, kull filgħaxija fi Pjazza San Ġorġ il-Belt qed ikun hemm festa ta’ kuluri li qed jintefgħu u jiċċappsu mal-Palazz tal-Gran Mastru, jew kif jafuh ħafna nies, il-Parlament l-antik.

Dan għaliex għat-tieni sena konsekuttiva, l-istudenti tal-Graphic Design Interactive Media tal-MCAST daħlu għal proġett kbir flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018 u ħolqu animation li qed tkun proġettata fuq skala enormi fi Pjazza San Ġorġ kull filgħaxija.

L-animation jisimha ‘Tale of Strings’, iddum madwar għaxar minuti u tirrakkonta storja ħelwa ta’ żewġt itfal li jkollhom rigal li jridu jwassluh għand xi ħadd imma jitilfuh. U matul l-istorja, iż-żewġt itfal jgħaddu minn avventura sħiħa biex jerġgħu jsibu dan l-imbierek rigal.

“Għalina hija xi ħaġa kbira ħafna li xogħlna qed jiġi muri fuq skala daqsekk kbira quddiem eluf ta’ nies.”

Aħna tkellimna ma’ tnejn mill-istudenti – Alisa u Andreas – u qalulna li jħossuhom onorati ħafna li ġiet afdata biċċa xogħol kbira bħal din f’idejhom. Qalulna li ilhom jaħdmu fuqha minn Ottubru u spjegawlna li mhux biss ħarġu bl-idea u fformulaw kunċett, imma anke riedu jpinġu kull karattru u kull biċċa tal-istampa, sal-inqas dettall. Għaliex ix-xogħol huwa kollu oriġinali, inkluż is-soundtrack, li kitibha l-kompożitur Malti Sean Vella.

Din l-animation qed tintwera kuljum sal-aħħar tas-sena, kull nofs siegħa, mis-6pm sal-11pm. Aħna rnexxielna nisirqu ftit shots tagħha meta l-istudenti kienu għadhom qed jittestjawha fuq il-Palazz, u hawn taħt tista’ tara l-filmat.

Kummenti

Share With:
Rate This Article

mark.zammit@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.