HomeEwleninIl-fotografu Lino Arrigo Azzopardi kien kważi miet qabel ma miet

Il-fotografu Lino Arrigo Azzopardi kien kważi miet qabel ma miet

Kif ħafna minnkom diġà jafu, ilbieraħ ħalliena l-kollega u fotografu maħbub tal-aħbarijiet, Lino Arrigo Azzopardi. Lino miet fl-età ta’ 77 sena, wara karriera sħiħa jieħu r-ritratti li minjaf kemm rajnihom fuq l-aħbarijiet u l-gazzetti. Lino ra b’għajnejh u ħakem fil-camera tiegħu wħud mill-akbar mumenti fl-istorja ta’ Malta. Fost l-oħrajn, Lino kien fotografu dakinhar tal-21 ta’ Settembru 1964, meta Malta ħadet l-Indipendenza, u fil-31 ta’ Marzu ta’ 10 snin wara, f’Jum il-Ħelsien.

Lino Arrigo Azzopardi kien ukoll il-fotografu uffiċjali tal-Presidenti Emeriti Ugo Mifsud Bonnici, Guido de Marco u Eddie Fenech Adami, u minjaf kemm ħa ritratti ta’ laqgħat uffiċjali bejn dawn il-Presidenti ta’ Malta u mexxejja kbar fid-dinja.

Fil-fatt, kien proprju fuq wieħed minn dawn il-vjaġġi statali, fl-2001, li Lino kważi tilef ħajtu f’inċident ikrah tat-traffiku. Lino kien qiegħed ma’ Guido de Marco, li dakinhar kien President ta’ Malta, u kienu qegħdin isuqu lejn il-Belt Bulgara ta’ Sofia. Lino jirrakkonta li kien hemm aktar minn karozza waħda fil-kontinġent statali, u jgħid li għal xi raġuni, ix-xufiera kienu qed isuqu jgħaġġlu ħafna. Jirrakkonta kif il-President Emeritu Guido de Marco u l-Onorevoli Louis Galea dak il-ħin kienu ġo karozza oħra u l-President de Marco kien qed jitkellem mal-mara tiegħu fuq il-linja. Min-naħa l-oħra, Lino kien qiegħed fil-karozza ma’ xi ġurnalisti oħrajn.

Fil-filmat ta’ hawn taħt tista’ tisma’ lil Lino stess jirrakkonta l-istorja u tista’ tara l-filmati xokkanti tal-inċident.

“Ġie trailer kontra tagħna, l-ewwel daħal fil-karozza tal-President, u mbagħad daħal fil-karozza tagħna.”

F’daqqa waħda, trailer li kien qed isuq fid-direzzjoni opposta tal-karozzi tal-President, għal xi raġuni qaleb il-linja u baqa’ dieħel dirett ġol-karozzi fejn kien hemm Lino, Guido de Marco u Louis Galea. L-ewwel laqat il-karozza fejn kien hemm Lino u l-ġurnalisti l-oħra, u mbagħad baqa’ dieħel għal ġol-karozza fejn kien hemm Guido de Marco u Louis Galea.

“Id-driver tiegħi miet fuq il-post, ta’ ħdejh inqatgħulu saqajh it-tnejn u l-interpretu li kien hemm ħdejja tilfet għajnha u ġenbha kollu. U l-passiġġier li kien hemm ġot-trailer miet ukoll,” kien irrakkonta Lino meta ġie f’Xarabank.

Eżatt malli seħħ l-inċident, il-magna tal-karozza fejn kien Lino ħadet in-nar, ix-xufier miet fuq l-isteering u Lino spiċċa nofsu mitluf minn sensih fuq is-seat ta’ wara. F’intervista li kien għamel xi snin ilu mat-Times of Malta, Lino irrakkonta wkoll li mal-ħabta tilef il-memorja tal-inċident u jaf x’ġara biss għax jirrakkontawlu n-nies li kien hemm miegħu. Jirrakkonta li l-aħħar ħaġa li jiftakar hija l-monasteru li kienu marru jżuru aktar kmieni f’dik il-ġurnata tal-inċident. Lino sofra ksur f’ħafna għadmiet minn rasu sa saqajh u kiser anke xi kustilji.

“Għadni ħaj b’miraklu. Il-Bambin riedni ngħix ftit oħra.”

Lino kien l-unika Malti li weġġa’ serjament f’dan l-inċident u t-tifel tiegħu, li dakinhar kien jaħdem barra minn Malta, ġabu Malta malajr fuq ajruplan apposta u rnexxielu jsalvalu ħajtu.

incident-times

Herman Grech tat-Times of Malta, li dakinhar tal-inċident kien fil-karozza ma’ Lino Arrigo Azzopardi, jirrapporta l-inċident

Dakinhar, it-trakk kisser 6 karozzi f’daqqa, u f’dan l-inċident, żewġ persuni mietu u 10 persuni oħra, fosthom Lino, sfaw imweġġa’ serjament. Guido de Marco u Louis Galea ħelsuha ħafif mingħajr ġrieħi, imma kellhom xokk kbir fuqhom.

Lino Arrigo Azzopardi kien ġie f’Xarabank jirrakkonta din l-istorja xi snin ilu.

Kummenti

Share With:
Rate This Article

mark.zammit@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.