HomeLokaliDiskussjoniIl-ġurnalisti se jsibu kappell jiġihom?

Il-ġurnalisti se jsibu kappell jiġihom?

Mil-lum jista’ jkun li bdiet it-triq biex il-ġurnalisti jkollhom kodiċi ta’ etika li tiggwidahom f’xogħlhom meta jmorru jistaqsu mistoqsijiet iebsin lill-politiċi, jew inkella meta jxandru ismijiet ta’ persuni akkużati, jew meta jkollhom kunflitti ta’ interess, fost l-oħrajn.

karl-wright

Karl Wright, chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin

Dan għaliex dalgħodu fil-Parlament għaddejja konferenza li fiha qed tiġi diskussa l-etika fil-ġurnaliżmu. L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, immexxi mis-Sur Karl Wright, qed jipproponi li titfassal kodiċi ta’ etika li tiggwida lill-ġurnalisti f’dak li jistgħu u ma jistgħux jagħmlu meta jkunu fuq xogħlhom.

“Għandna nuqqas kbir ta’ etika fil-ġurnaliżmu,” jgħid Karl Wright, iċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti, “Imma din qed tiġri wkoll minħabba li l-ġurnalisti ma jafux eżatt sa fejn jistgħu jaslu meta jkunu qed jagħmlu xogħlhom.”

“Għandna nuqqas kbir ta’ etika fil-ġurnaliżmu” – Karl Wright

Aħna tkellimna mas-Sur Wright, li qalilna li l-ġurnaliżmu wasal fi stat fejn kulħadd għaddej fuq xogħlu mingħajr ma jiddiskuti element daqsekk importanti fis-settur tal-ġurnaliżmu – l-etika. Spjega kif sa mill-1919, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (li dak iż-żmien kien imsejjaħ The Malta Press Club’) ippropona emendi fil-kodiċi tal-etika ġurnalistika, imma saħaq li meta laħaq chairman hu, induna li dawn l-emendi kienu tħallew fuq l-ixkaffa għal snin twal.

fr-joe-borg

Fr Joe Borg, espert fil-media u lekċerer fl-Università ta’ Malta

Min-naħa l-oħra, waqt diskussjoni mas-Sur Wright fuq il-programm Mhux Għax Jimpurtani fuq in-NET, il-lekċerer Fr Joe Borg esprima t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li dan il-kodiċi tal-etika qed jiġi diskuss fil-Parlament taħt il-patroċinju tal-Ispeaker. Jgħid: “il-ġurnalisti qegħdin hemm biex jgħassu fuq l-istituzzjonijiet tal-istat, bħall-Ispeaker, u mhux biex jiffraternizzaw magħhom u jiddiskutu l-etika tagħhom miegħu u taħt il-patroċinju tiegħu.”

Fr Borg kompla jgħid li l-ġurnalist jonqos mill-etika mhux biss meta jxandar xi ħaġa li ma messux xandarha, imma anke meta ma jxandarx xi ħaġa li hu fid-dmir li jxandarha.

“Ġurnalist jonqos mill-etika mhux biss meta jxandar xi ħaġa li messux xandarha, imma anke meta ma jxandarx xi ħaġa li hu fid-dmir li jxandarha” – Fr Joe Borg

Is-Sur Wright ammetta magħna li huwa diffiċli ħafna li taqta’ linja li tiggwidak b’mod eżatt x’għandek u x’ma għandekx tagħmel, imma fi kliemu, “il-fatt li qegħdin niddiskutuha, diġà huwa tajjeb ħafna.” Ikompli jgħid: “Aħna m’għandna l-ebda interess li nħokku dahar xi ħadd. Aħna qed nagħmluha mal-Ispeaker għaliex l-Ispeaker imexxi l-Parlament b’żewġ partiti li t-tnejn li huma għandhom il-media tagħhom bl-aġendi tagħhom, u allura xtaqna li din il-ħaġa niddiskutuha mill-ewwel magħhom. U fl-aħħar mill-aħħar, dawn huma l-istess politiċi li minn ġo dak il-Parlament iridu jgħaddu l-liġijiet.”

Fil-konferenza ta’ dalgħodu qed jiltaqgħu diversi ġurnalisti, edituri u nies fis-settur tal-ġurnaliżmu biex b’hekk jiddiskutu ’l fejn għandha timxi l-kodiċi tal-etika. Għall-konferenza hemm preżenti wkoll l-istudenti li minn din is-sena bdew jistudjaw fil-kors ġdid tal-ġurnaliżmu fl-MCAST.

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Andrew.BorgCarbott@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.