HomeInternazzjonaliKurżitajietIl-Maltin qed jagħmlu aktar sess peress li l-ksieħ?

Il-Maltin qed jagħmlu aktar sess peress li l-ksieħ?

OK…għal dawk li qed ifakkruna li hu l-ksieħ fuq Facebook…speċi m’hemmx għalfejn tfakkruna li hu l-ksieħ…qed inħossuh!

Bħalissa f’Malta qed tagħmel kesħa xxaqqaq il-ġebel. Fl-aħħar jiem, f’xi ħinijiet, it-temperatura f’Malta kienet aktar baxxa mit-temperatura f’Londra. U kif tistenna minn mijiet ta’ nies li jeqirdu għal kull ħaġa ta’ xejn, dan il-ksieħ għalihom kien xalata li żfogawha f’litanija ta’ tgergir fuq Facebook. Kollha jgħidu kemm hu isbaħ is-Sajf. Issa dawn huma l-istess nies li npoġġi rasi taħt mannara li fil-ġimgħa ta’ Santa Marija jtellgħu posts igergru kontra s-sħana u jgħidu li jixtiequ qegħdin imgeddsin quddiem il-fireplace b’tazza mulled wine f’idejhom. Ikolli aptit niskrollja ’l isfel ħafna fuq il-wall tagħhom u nerġa’ mmur lura għal dawk il-posts tat-tgergir tas-Sajf u ntemmagħhomlhom ma’ wiċċhom. Imma noqgħod kwiet.

Imma f’dawn il-jiem, fuq il-midja soċjali nnutajna posts differenti wkoll. Diversi nies qed ibassru li minħabba l-kesħa, kulħadd qed jitgeddes aktar ma’ xulxin u b’mod ġenerali, n-nies qed jitfissdu aktar. Sussegwentament, dan iwassal għal aktar trassis, tbagħbis, saħna…u aktar you know what. Għaldaqstant, dawn in-nostradamusijiet qed ibassru li disa’ xhur oħra, lejn Ottubru u Novembru li ġej, se jkollna xi tip ta’ baby boom peress li hawn din iż-żieda fil-you know what.

sess-xitwa

Ritratt minn psychologies.co.uk

Aħna fittixna fuqha din u sibna li din it-teorija mhux talli ma tagħmilx sens, imma talli xjentifikament, f’daż-żminijiet jiġri eżatt bil-kontra – il-kesħa toqtol is-sex drive għal kollox! Dan għaliex, fi ġranet imdallmin meta x-xemx tinżel kmieni u s-sħab jgħatti d-dinja, il-moħħ isibha aktar diffiċli biex jadatta. F’termini sempliċi ħafna, li jiġri huwa li l-hormone li jgħinek tħossok kuntent, li jismu Serotonin, jitbaxxa, u minfloku jogħla l-hormone li jwaqqgħek down, u li jismu Melatonin. Din it-taqliba fil-hormones tista’ twassal għal konfużjoni, dwejjaq, u saħansitra dipressjoni.

Fil-fatt, xi nies ibatu b’dik li tissejjaħ Seasonal Affective Disorder, fejn minħabba t-temp ikrah, ikunu mdejqin aktar, jorqdu aktar, jieklu aktar u allura jżidu fil-piż (li jwassalhom biex ikomplu jżidu fid-dwejjaq), jagħmlu inqas sess u jkollhom aktar apatija.

Fil-fatt, jekk toqgħod taħseb ftit fuqha, fl-Indja, fejn tagħmel ħafna sħana, għandhom popolazzjoni ta’ aktar minn biljun persuna!

(P.S. Din tal-Indja vvintajniha aħna u probabilment m’għandha x’taqsam xejn mat-teorija xjentifika li għadna kif spjegajna).

Kitba: Gino Tanti

Ritratt tal-faċċata: autumndamask.com

Kummenti

Share With:
Rate This Article

anthony@pureconcepts.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.