HomeEwleninIl-MP Chris Said u l-mara tiegħu jirrakkontaw kif addottaw żewġt itfal mir-Russja

Il-MP Chris Said u l-mara tiegħu jirrakkontaw kif addottaw żewġt itfal mir-Russja

Id-deputat Nazzjonalista, eks ministru u eks segretarju ġenerali tal-PN Chris Said għandu tlett itfal, li tnejn minnhom huma addottati mir-Russja.

Chris Said u l-mara tiegħu Linda jirrakkontaw kif fl-ewwel snin taż-żwieġ tagħhom ma rnexxielhomx ikollhom tfal u xtaqu ħafna jibnu familja. Dak iż-żmien, Chris kien sindku tan-Nadur u Linda kienet taħdem u tistudja. Chris jirrakkonta kif darba fost l-oħrajn, mar ir-Russja fuq xi xogħol tal-Kunsill Lokali, u waqt li kien hemm ħaduh ġo orfanatrofju.

“Minn x’ħin dħalt sa x’ħin ħriġt kien hemm tifla li qabdet ma’ saqajja u ma riedet titlaqni b’xejn, mill-ewwel kamra, sal-aħħar waħda. Iggustajtha wisq,” jirrakkonta Chris.

“Kien hemm tifla li qabdet ma’ saqajja u ma riedet titlaqni b’xejn” – Chris Said

chris-said-mat-tfalKif kien għadu fl-orfanatrofju, Chris ċempel lill-mara tiegħu u qalilha li hemm tifla li ggustaha u xtaq iġibha tgħix magħhom għas-Sajf. Għalkemm Linda xtaqet ħafna li jniżżlu lil din it-tifla Malta għas-Sajf, kienet inkwetata, għaliex kienet qed tagħmel it-teżi tal-masters, kienet għadha lura, u riedet tissottomettiha fi żmien tliet ġimgħat. Imma ddeċidew li jidħlu għal din l-isfida xorta waħda, u Chris niżżel it-tifla miegħu mir-Russja.

“Niftakarni ġej b’Anastasia mir-Russja. Ma qgħadt ngħid lil ħadd x’se nagħmlu, lanqas lil ommi u lil missieri,” jgħid Chris.

Chris wasal lura Malta bit-tifla nhar il-Ġimgħa l-Kbira u ddeċieda li l-ewwel jistenna l-purċissjoni tispiċċa, u mbagħad imur għand ommu u missieru bit-tifla bil-kwiet u jgħidilhom b’kollox. “Imma xi ħadd rani fuq il-vapur u l-kelma malajr ġriet li Chris ġab tifla mir-Russja.”

 

 

 

“Il-kelma ġriet malajr u sa x’ħin wasalt in-Nadur, kulħadd kien jaf” – Chris Said

Dakinhar, il-familjari u l-ħbieb ta’ Chris u Linda ltaqgħu maċ-ċkejkna Anastasia għall-ewwel darba, u wara dak is-Sajf, Chris u Linda u l-familji tagħhom tant saru jħobbuha lil Anastasia, li ma riduhiex titlaq, imma Anastasia kellha terġa’ lura lejn l-Orfanatrofju fir-Russja. Chris, Linda ddeċidew li jippruvaw jaddottawha, u wara proċess twil, irenxxielhom.

Illum Anastasia għandha 18-il sena, u l-istorja tagħha hija inkredibbli għaliex filli kienet tifla tgħix f’orfanatrofju mingħajr ġenituri, u filli qasmet għan-naħa l-oħra tad-dinja u saret it-tifla ta’ Ministru tal-Gvern.

Maż-żmien, Chris u Linda addottaw tifla oħra mir-Russja, li jisimha Andrea, u llum għandha għaxar snin. U ftit snin wara, mingħajr qatt ma kienu qed jistennew u mingħajr ma kienu qed jippjanaw, Linda nqabdet tqila b’tarbija, tifel.

“Hekk il-familja hija kompluta” – Linda

Illum li Chris m’għadux segretarju ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Linda tgħid li qed jgħixu ħajja ħafna aħjar, għaliex qed ikollu aktar ċans għall-familja u qed ikun jista’ jkun mat-tfal huma u jikbru.

Hawn taħt tista’ tisma’ lil Chris u lil Linda jirrakkontaw l-istorja.

chrissaidpracett

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Andrew.BorgCarbott@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.