HomeImpjieg

Qed infittxu n-nies!

Qed infittxu nies kreattivi biex nimpjegawhom mat-tim ta’ Xarabank u jkunu qed jaħdmu fuq il-website ta’ Xarabank – xarabank.com.mt.

Wara kważi 20 sena ta’ Xarabank, f’Ottubru li għadda varajna dan l-ispazju ġdid fuq l-internet. Għalina t-tim ta’ Xarabank, il-website tagħna hija l-estensjoni ta’ Xarabank. Xarabank.com.mt hija Xarabank qabel ma jibda, wara li jispiċċa u matul il-ġimgħa kollha. Għalhekk qed infittxu persuni avventurużi u kreattivi biex jaħdmu bħala ġurnalisti fuq din il-website u jirrappurtaw aħbarijiet u jipproduċu stejjer, intervisti, satira u kurżitajiet oħra għal xarabank.com.mt. Min jaħdem fuq xarabank.com.mt ikollu wkoll l-opportunità li jaħdem fuq Xarabank.

Xogħol: Ġurnalist/a full-time mat-tim ta’ Xarabank

Kumpanija: WE Media Limited

Deskrizzjoni tax-xogħol: Ix-xogħol jinvolvi li tfittex l-istejjer, tagħmel ir-riċerka u tipproduċi artikli u features għal xarabank.com.mt. L-aktar ħaġa importanti hija li tikkrea u toħloq materjal ġdid li jkun divertenti u informattiv u strutturat b’mod tajjeb għal fuq l-internet. Ix-xogħol jinvolvi attivitajiet differenti, minn vox pops fit-toroq, għal riċerka fil-Biblijoteka Nazzjonali, għal intervisti ma’ nies li ma jafhom ħadd, għal intervisti ma’ nies li jafhom kulħadd, għal riċerka ta’ filmati antiki mill-arkivji, u saħansitra kompetizzjonijiet u online polls. Dak kollu li huwa interessanti, aħna nippruvaw naqbżu fuqu u nwassluh lin-nies permezz ta’ xarabank.com.mt.

Għal dan ix-xogħol idealment ikollok:

  • Użu tajjeb tal-Malti jew Ingliż (din ma tfissirx li ma jkollokx żbalji tal-ortografija, imma li jkollok ħakma tajba tal-lingwa)
  • Ħinijiet flessibbli
  • Għarfien tal-computer u tal-internet
Għal dan ix-xogħol m’għandekx bżonn kwalifiki partikolari. Jista’ japplika kulħadd u se noffru t-taħriġ b’xejn lil kull min japplika.
Jekk inti interessat, kull ma trid tagħmel hu li tibgħat CV fuq mark.zammit@wemedia.com.mt u nkellmuk lura aħna.