HomeLokaliDiskussjoniInt xtrajtha? Aħna tkellimna ma’ min mhu se jixtriha qatt

Int xtrajtha? Aħna tkellimna ma’ min mhu se jixtriha qatt

Mill-lum bdiet tinbigħ il-Morning-After Pill fl-ispiżeriji ta’ Malta, u hu mifhum li sal-aħħar ta’ dil-ġimgħa, 80% tal-ispiżjara Maltin se jkollhom il-MAP għall-bejgħ.

Skont Neofarma, l-aġenti liċenzjati tal-MAP, EllaOne hija l-ewwel tip ta’ MAP li se tkun qed tinbigħ f’Malta. Din tista’ teħodha sa ħamest ijiem wara li jkun sar l-att sesswali.

Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tiġi introdotta wkoll il-Lenovelle, li hija tip ieħor tal-MAP u se tkun disponibbli fl-ispiżeriji madwar Malta u Għawdex u din tista’ tittieħed sa tlett ijiem wara li jkun sar l-att sesswali.

Sabiex wieħed jixtri l-MAP m’għandux bżonn il-preskrizzjoni tat-tabib iżda l-ispiżjara għandha d-dmir li tistaqsi l-klijent xi mistoqsijiet, bħal, meta kienet l-aħħar darba li kellu x’jaqsam ma’ xi ħadd. Dan isir sabiex l-ispiżjara tkun tista’ tifhem liema waħda minn dawn t-tnejn ikunu l-aktar effettivi skont iċ-ċirkostanza.

Illum ukoll, aħna tkellimna ma’ Dr Miriam Sciberras, chairman tal-Life Network Foundation, li flimkien ma’ gruppi oħra kienu taw sehmhom fid-diskussjoni fil-kumitat konġunt tal-Parlament dwar l-introduzzjoni tal-Morning-After Pill fix-xhur ta’ qabel is-Sajf li għadda. Hi tgħidilna,

“Ma nistax nifhem kif il-Medicines Authority ma tatx kas ir-rapport li tressaq mill-kumitat konġunt.”

Dr Miriam Scibberas. Chairman tal-Life Network Foundation

Dr Miriam Sciberras

Dr Sciberras qaltilna li tinsab diżappuntata ħafna għall-introduzzjoni tal-Morning-After Pill, u saħqet li l-EllaOne hija pillola abortiva.

“Il-pillola EllaOne hija abortiva għaliex tista’ ma tħallix l-embrijun kreat jaqbad mal-utru” – Dr Miriam Sciberras

Hi qalet li fil-kumitat konġunt kienu ssuġġerew li tidħol pillola oħra minflok, li jisimha Levonorgestrel, li taħdem differenti mill-EllaOne u mhix perikoluża daqsha. Fil-kumitat kienu issuġġerew ukoll li din il-pillola tkun tista’ tinxtara bil-preskrizzjoni tat-tabib u mhux over the counter kif se jibda jsir.

Dr Scibberas tispjegalna illi ġol-EllaOne hemm kimiċi li hemm ukoll f’pilloli abortivi. L-EllaOne, li tagħmel hu li tiblokka n-naħa ta’ ġewwa tal-utru biex l-embrijun ma jkunx jista’ jaqbad mal-utru, u jekk l-embrijun ma jkunx jista’ jaqbad mal-utru, jinbeżaq ’l barra u jmut.

Iżda, skont l-Embryo Protection Act, f’għajnejn il-liġi ta’ Malta, embrijun huwa ħajja umana. Għaldaqstant, Dr Sciberras qed targumenta li din il-pillola toqtol embrijun, li huwa ħajja umana u b’hekk din il-pillola ssir pillola abortiva.

Apparti minn hekk hemm raġunijiet ta’ saħħa u Dr Scibberas tisħaq illi “dawn huma pilloli li jħarbtu ċ-ċiklu riproduttiv tal-mara, u aktar kemm tieħu minnhom, aktar tista’ tagħmel ħsara lil ġismek.”

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Jessica.camilleri@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.