HomeEwleninINVESTIGAZZJONI: Il-priġunieri f’Kordin m’għadhomx jistgħu jċemplu lil Xarabank

INVESTIGAZZJONI: Il-priġunieri f’Kordin m’għadhomx jistgħu jċemplu lil Xarabank

F’Xarabank aktar kmieni din is-sena konna żvelajna għall-ewwel darba li n-numru 21249200 huwa maqtugħ mill-Ħabs, jiġifieri min jipprova jċempel lil Xarabank mill-Ħabs ma jkunx jista’. Din il-ħaġa bdiet tiġri minn xi xhur ilu ’l hawn u familjari tal-priġunieri jew priġunieri li llum ħarġu mill-Ħabs kellmuna u rrappurtawlna li kull meta jippruvaw iċemplu lil Xarabank mill-Ħabs, taqagħlhom il-linja.

Sadanittant aħna bqajna nsegwu dan il-każ u bagħtna diversi emails biex nitolbu permess nidħlu fil-Ħabs u niffilmjaw il-post u lill-priġunieri jitkellmu. Ġieli anke morna laqgħat mal-amministrazzjoni tal-Ħabs bit-tama li ningħataw il-permess biex nidħlu niffilmjaw il-Ħabs, imma sal-lum, minkejja t-turrun ta’ emails li bagħtna, għadu ma nħarġilna l-ebda permess biex nidħlu niffilmjaw fil-Ħabs ta’ Kordin. F’dan l-istadju lanqas għadna nirċievu tweġibiet għall-emails li nibgħatu.

Għaldaqstant morna nistennew lill-Ministru Carmelo Abela jasal il-Parlament ħalli nistaqsuh għalfejn n-numru ta’ Xarabank inqata’ mill-Ħabs u jekk hux lest li bħala Ministru jagħmel xi ħaġa biex il-priġunieri jerġa’ jkollhom id-dritt li jċemplu lil Xarabank.

“Jekk ikollhom xi problema għandhom metodi kif jikkuntattjaw lid-Direttur tal-Ħabs jew lili” – Ministru Carmelo Abela

Meta waqqafnih biex inkellmuh, il-Ministru qalilna li minħabba raġunijiet ta’ sigurtà hemm numri tat-telefown li ma tistax iċċemplilhom mill-Ħabs. Qalilna wkoll li ma jafx eżatt jekk in-numru ta’ Xarabank hux wieħed minnhom, imma insista li jekk ikollhom xi problema, il-priġunieri jistgħu jkellmu lid-Direttur tal-Ħabs.

Aħna naħsbu li din hija inġusta għax nemmnu li l-priġunieri għandu jkollhom id-dritt li jitkellmu mal-media. U għaldaqstant aħna qed nistaqsu: hemm xi ħaġa li l-awtoritajiet iridu jaħbu mill-media? U n-numri tal-kmamar tal-aħbarijiet l-oħra maqtugħin ukoll? Jew ta’ Xarabank biss maqtugħ?

Aħna se nibqgħu infittxu t-tweġibiet. Jekk inti taf b’xi ħaġa, ikkuntattjana b’mod kunfidenzjali.

Kummenti

Share With:
Rate This Article

mark.zammit@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.