HomeEwleninIs-CIA, FBI u NSA jgħidu li r-Russja ndaħlet biex jitla’ Trump, il-Moviment Patrijotti Maltin ma jaqbilx

Is-CIA, FBI u NSA jgħidu li r-Russja ndaħlet biex jitla’ Trump, il-Moviment Patrijotti Maltin ma jaqbilx

Ftit jiem ilu fl-Istati Uniti, is-CIA, l-FBI u l-NSA ppubblikaw rapport li fih ikkonkludew li l-Gvern Russu ta’ Vladimir Putin mexxa kampanja fuq l-internet u t-televiżjoni biex jinfluwenza l-opinjoni pubblika tal-Amerikani biex jivvutaw lil Donald Trump. Henry Battistino, il-mexxej tal-Moviment Patrijotti Maltin jemmen li din hija gidba u li dan ir-rapport mhuwiex kredibbli.

“Minħabba Saddam Hussein u l-ISIS, fil-preżent is-CIA mhix kredibbli,” qalli s-Sur Battistino meta kkuntattjajtu. “U kif jistgħu jitkażaw l-Amerikani meta kienu jiftaħru li s-CIA tmexxi lil Boris Yeltsin?”

“Fil-preżent, is-CIA mhix kredibbli” – Henry Battistino, Moviment Patrijotti Maltin

Lis-Sur Battistino kkuntattjajnih wara li ħareġ dan ir-rapport u staqsejnih jekk jikkundannax il-fatt li stat barrani nstab li ndaħal fl-affarijiet iterni ta’ pajjiż ieħor. Dan għaliex il-Moviment Patrijotti Maltin f’Malta huwa magħruf li jitkellem ħafna kontra l-indħil ta’ pajjiżi barranin f’pajjiżna.

“Dażgur li r-Russi riedu jagħtu palata lil Trump, imma Trump tela’ mhux bis-saħħa tar-Russi, imma għax id-Demokratiċi kellhom kandidata mingħajr viżjoni u pjan,” jgħid Henry Battistino.

henry-battistino

Henry Battistino, mexxej tal-Moviment Patrijotti Maltin. Ritratt: maltatoday.com.mt

Meta kkuntattjajtu, is-Sur Battistino kompla jgħidli: “Ħsibtek se tistaqsini dwar il-fatt li Erdogan qal li Obama huwa wara l-ISIS, jew dwar dak it-tifel Amerikan ħandikappat li ġie msawwat u ttorturat minn erba’ suwed għax huwa supporter ta’ Trump…minn mindu sirtu tagħtu kas x’tgħid is-CIA?!”

Biex inwieġeb għal dan, huwa vera li aħna bħala ġurnalisti Maltin rari li jkun jolqotna x-xogħol ta’ aġenziji tas-sigurtà barranin, u għalhekk ħafna drabi ma nikkaverjawhx fuq il-midja tagħna. Din hija ħaġa normali u naturali. Madanakollu, dan ir-rapport ma stajniex ninjorawh, l-ewwel nett għaliex huwa rari ħafna li aġenziji bħas-CIA, l-FBI u l-NSO jippubblikaw rapporti bħal dawn (ġeneralment iżommu l-informazzjoni f’segretezza kbira biex ma jikkompromettux is-sigurtà tal-pajjiż), u t-tieni għaliex jekk il-konklużjonijiet tar-rapport huma verità, huma serji ħafna u jheddu s-sistemi demokratiċi tad-dinja kollha u dan l-indħil jista’ jkun il-bidu ta’ aktar indħil mir-Russja fl-Istati Uniti u f’pajjiżi oħra, inkluż f’Malta. Għalhekk nemmnu li huwa rapport serju li għandna nagħtu kasu.

“Jekk il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport huma verità, allura huma serji ħafna u jistgħu jfissru l-bidu ta’ aktar indħil mir-Russja fl-Istati Uniti u f’pajjiżi oħra, inkluż f’Malta.”

Ir-rapport ġie ppubblikat nhar il-Ġimgħa li għaddiet u huwa verżjoni mqassra tar-rapport oriġinali, li jinkludi informazzjoni sigrieta li ma tistax tiġi ppubblikata. Ir-rapport jipprova jifhem x’kienet l-intenzjoni tal-Gvern Russu ta’ Putin fl-Elezzjonijiet fl-Istati Uniti f’Novembru li għadda u jekk ir-Russja użatx l-internet u kampanji fil-media biex tinfluwenza l-opinjoni pubblika tan-nies Amerikani.

rapport

Il-faċċata tar-rapport li ħareġ ftit jiem ilu

Ir-rapport jikkonkludi li r-Russja u r-reġim ta’ Vladimir Putin kienu qed jaħdmu f’kampanja permezz tal-internet u t-televiżjoni biex jinfluwenzaw l-opinjoni pubblika tal-poplu Amerikan u jwassluh biex jivvota lil Trump.

Skont ir-rapport, dan l-indħil Russu jirrifletti x-xewqa ta’ Putin li jpoġġi f’dawl ikrah is-sistema liberali u demokratika li tħaddan l-Amerika, forsi għaliex din is-sistema hija ta’ theddida għar-reġim ta’ Putin innifsu. Din l-attività biex jiġi influwenzat il-poplu Amerikan diġà kien hemm ħjiel li l-Gvern Russu kien qed jaħdem fuqha, imma skont ir-rapport, din l-attività eskalat f’mod qawwi matul ix-xhur tal-kampanja elettorali.

Ir-rapport ikompli jgħid li meta r-Russja ndunat li Hillary Clinton probabilment kienet se tirbaħ l-Elezzjoni, intensifikat il-kampanja tagħha kontra Clinton biex tpoġġiha f’dawl ikrah u tqabbilha b’mod dispreġġjattiv ma’ Donald Trump. Ir-rapport jgħid ukoll li għalkemm fil-bidu tal-kampanja elettorali, il-Gvern Russu ma kien qed jiffavorixxi lill-ebda kandidat, eventwalment ħareġ pubblikament favur il-president elett Trump.

Il-kampanja saret permezz tal-midja soċjali, imma anke permezz tal-istazzjon televiżiv RT America. L-RT huwa stazzjon Russu, immexxi u ffinanzjat mill-Gvern Russu, u jopera f’pajjiżi barra mir-Russja, inkluż fl-Amerika. Ir-rapport għamel analiżi ta’ x’matejal ixxandar fuq dan l-istazzjon fl-Istati Uniti u sab li ħafna drabi kien iwaqqa’ għaċ-ċajt lill-President Barack Obama u lil Hillary Clinton u jikkritika bl-aħrax is-sistema demokratika u l-proċess tal-Elezzjonijiet Amerikani bil-ħsieb li l-Amerikani jitilfu l-fiduċja fis-sistema politika u jkunu jridu jbiddlu d-direzzjoni f’min imexxihom.

trump-putin-clinton

Min-naħa l-oħra, ir-Russja qed tiċħad kull allegazzjoni li kellha x’taqsam mar-rebħa ta’ Trump u qed tisħaq li ħafna allegazzjonijiet huma fake news u li qed jixterdu biss biex itebbgħu r-relazzjoni bejn ir-Russja u l-Istati Uniti.

Meta mistoqsi dwar jekk jikkundannax l-att vjolenti ta’ ftit jiem ilu, meta pulizija żagħżugħ Malti qala’ xebgħa minn persuna Maltija, Henry Battistino qal li avolja l-agressur kien Malti, il-Moviment Patrijotti Maltin ma jiġġustifikax l-atti li għamel, u kien minn tal-ewwel li ħareġ jikkundanna dan l-att.

henry-post

Kummenti

Share With:
Rate This Article

mark.zammit@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.