HomeInternazzjonaliKurżitajiet“It-‘twins’ twieldu 10 snin eżatt wara li kont kważi se mmut” – Claudette Abela Baldacchino

“It-‘twins’ twieldu 10 snin eżatt wara li kont kważi se mmut” – Claudette Abela Baldacchino

Il-personalità u eks membru parlamentari ewropew Claudette Abela Baldacchino kellha twins b’IVF. Hi u r-raġel tagħha, Kevin, ilhom miżżewġin ħmistax-il sena u minn dakinhar kien ilhom jippruvaw biex ikollhom it-tfal, imma għal ħafna snin ma rnexxielhomx.

Claudette u Kevin kienu qegħdin f’Xarabank ilbieraħ u tkellmu dwar kemm kienet diffiċli li jkollhom it-tfal. Għalihom, il-fatt li rnexxielhom iwelldu twins b’saħħithom wara daqsekk snin, kien miraklu li ma jistgħux jiddeskrivuh. Jgħidu li l-ħajja għalihom verament ġiet tagħmel sens, u bit-tfal, id-dar imtliet.

“Għalina huwa miraklu doppju, tripplu, lanqas naf kif tista’ tiddeskrivih…il-Mulej kbir” – Claudette

“Wara li tkun għaddej minn ħafna snin ta’ tbatija u fl-aħħar jirnexxilek ikollok it-tfal hija xi ħaġa kbira,” tgħid Claudette.

claudette-babies

Pinar u Arthur, it-twins ta’ Claudette u Kevin

It-twins, li jisimhom Pinar u Arthur, twieldu fil-25 ta’ Ottubru li għadda u twieldu kmieni, meta kellhom biss 33 ġimgħa. Kienu jiżnu biss 1.4 kilo u kienu kbar daqs flixkun żgħir tal-ilma. Fil-filmat ta’ hawn taħt jidher l-ewwel ritratt tagħhom u tal-ġenituri tagħhom wara li twieldu. Fil-fatt, waqt il-programm, it-twins ta’ Claudette ma setgħux ikunu magħna għaliex kienu għadhom qed joħorġu mill-isptar.

“Bit-tfal id-dar imtliet” – Kevin

Claudette tirrakkonta kif għaxar snin ilu, f’għeluq il-ġurnata eżatt meta twieldu t-twins, kienet daħlet l-isptar wara inċident tat-traffiku gravi u kienet qed tiġġieled għal ħajjitha l-ITU. U tirrakkonta li meta kienet l-isptar ftakret f’dik il-ġurnata u bejnha u bejn ruħha qalet: ‘din id-darba ninsab hawn għal raġuni totalment differenti.’

Anke l-Facebook ta’ Claudette juri kemm inbidlet għall-aħjar ħajjithom, għaliex kull ftit jiem jippostjaw ir-ritratti mat-trabi tagħhom. Nawgurawlhom ħafna saħħa u paċi għas-sena l-ġdida.

claudette-post

Kummenti

Share With:
Rate This Article

mark.zammit@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.