HomeBla KantunieriJisirqulhom il-qabar mill-Addolorata

Jisirqulhom il-qabar mill-Addolorata

Irċevejna lment ta’ persuna li qalilna li qed jinsterqulhom oġġetti minn fuq il-qabar tal-familja fiċ-ċimiterju tal-Addolorata. L-aktar affarijiet li jinsterqu huma biċċiet tar-ram u dan is-serq ilu għaddej madwar ħames snin.

Nigel tkellem magħna għax jinsab maħruq illi xi persuni qed jidħlu min-naħa ta’ wara taċ-ċimiterju tal-Addolorata u jqaċċtu u jisirqu biċċiet mill-ittri tar-ram li jkun imwaħħlin fuq il-lapidi tal-irħam. Hu jgħid li dawn in-nies illegalment qed jaqbżu għal ġoċ-ċimiterju meta ċ-ċimiterju jkun magħluq, u qed jaqbżu minn ċint fil-qrib li huwa għoli tliet filati biss, u b’hekk jagħmila aktar faċli biex xi ħadd jidħol.

Nigel flimkien ma’ familji oħra li għaddew mill-istess problema rrappurtaw lill-awtoritajiet taċ-ċimiterju diversi drabi, iżda Nigel jgħid li kien kollu għalxejn u jħoss li l-ilmenti tagħhom dejjem waqgħu fuq widnejn torox. Hu jkompli jgħid li waħda mir-raġunijiet tista’ tkun  għaliex iċ-ċimiterju tal-Addolorata se jgħaddi taħt il-privat dalwaqt, u allura qisu ħadd ma jrid jidħol f’kontroversji dwaru.

Nigel tant xtaq li jsolvi din is-sitwazzjoni li saħanistra offra hu stess li jirranġa l-ħajt billi jġib il-knaten u l-konkos, iżda xorta ma tawhx permess.

Aħna komplejna ninvestigaw u kkuntattjajna lill-amministrazzjoni taċ-ċimiterju biex naraw x’qed isir fuq dawn ir-rapporti. Tkellimna ma’ rappreżentant tas-sanità tal-Addolorata, li qalilna li dis-sena daħlu 6 rapporti ta’ serq, iżda fil-verità jkun hemm ħafna iktar, għaliex mhux kulħadd jirrapporta s-serq minn fuq il-qabar tiegħu, u għaliex hemm serq li jsir minn fuq oqbra abbandunati.

Ġejna infurmati li kull rapport ta’ serq jiġi mgħoddi lill-għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid. Barra minn hekk sirna nafu li l-fence taċ-ċimiterju jiġi rranġat minn tal-inqas ħames darbiet fis-sena minħabba din il-kwistjoni.

Kompla jgħidilna li jsiru diversi spezzjonijiet matul il-ġurnata iżda minħabba li ċ-ċimiterju huwa kbir, huwa diffiċli biex wieħed jagħmel sorveljanza stretta. Qalilna li fiċ-ċimiterju hemm cameras tas-sigurtà installati biss fiż-żewġ entraturi.

Din hija l-intervista qasira li għamilna lil Nigel meta ġie l-uffiċċju tagħna.

whatsapp-image-2016-12-10-at-09-04-15-1

whatsapp-image-2016-12-10-at-09-04-16

Biċċiet ta’ ittri tar-ram maqlugħin minn mal-qabar tal-familja ta’ Nigel

whatsapp-image-2016-12-12-at-10-51-13

whatsapp-image-2016-12-10-at-09-04-16-1

Iċ-ċint baxx u l-‘fence’ imqatta’ fiċ-ċimiterju, qrib il-qabar tal-familja ta’ Nigel

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Jessica.camilleri@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.