HomeInternazzjonaliKurżitajietL-2016 kienet is-sena tal-‘babies’

L-2016 kienet is-sena tal-‘babies’

Is-sena li għaddiet kienet mimlija babies ta’ nies famużi Maltin. Qisu l-papajiet u l-mamajiet popolari ta’ Malta għamlu xi ftehim li fl-2016 se jċekċku ħafna aktar min-normal, u hekk imtlejna b’ħafna trabi ta’ personalitajiet.

Bla dubju, l-akbar baby popolari ta’ din is-sena kien Harry Gravina Losco (għax dak huwa ismu sħiħ by the way). Harry huwa t-tifel ta’ Ira Losco u Sean Gravina, kien fuq il-media kollha ta’ Malta, u kulħadd kien qed jitkellem fuqu ħafna qabel ma twieled, forsi għaliex kien l-ewwel tarbija li qatt telgħet tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision! Imma mhux Harry biss kien baby ‘tal-Eurovision’. Ludwig Galea kellu t-tieni wild, Miriam Christine ukoll kellha baby dis-sena, u anke Michelle tal-Firelight. Nawgurawlhom minn qalbna.

ludwig

Ludwig f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet

 

michelle

Michelle tal-Firelight mal-familja tagħha f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet

U kien hemm babies fil-Parlament Ewropew ukoll. Roberta Metsola kellha lil baby Kristian, ir-raba’ wild tagħha, u Miriam Dalli f’Jum l-Omm saret omm għat-tieni darba wara li welldet lil baby Kane. Dawk tal-MEPs li hemm bħalissa. Imbagħad, l-eks MEP Claudette Abela Baldacchino u r-raġel tagħha Kevin kellhom twins b’IVF u semmewhom Arthur u Pinar. U bl-IVF, l-animator popolari Belinda wkoll kellha twins. Dawn l-aħħar tnejn kienu f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet.

claudette

Claudette u r-raġel tagħha Kevin f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet

Il-kollega tagħna u preżentatur ta’ Espresso Wayne Aquilina wkoll kellu l-ewwel wild, u anke Gino l-‘Kink’ ta’ Klassi Għalina (li propjament jismu Andy). Dawn it-tnejn ukoll kienu f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet u bid-daħka, Andy qal: “Issa m’għadnix il-King, għax hu sar jikkmanda kollox.”

wayne

Wayne, il-preżentatur ta’ Espresso, mal-mara u t-tifel f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet

 

andy

Andy, magħruf bħala l-‘Kink’ fi Klassi Għalina mal-mara u t-tifel f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet

F’Xarabank, Wayne u Andy qalulna li ftehmu man-nisa tagħhom biex ma jgħidulhomx jekk hux se jkollhom tifla jew tifel. In-nisa tat-tnejn li huma kienu jafu, imma l-irġiel ma ridux ikunu jafu, u baqgħu sal-aħħar ma jafux. Interessanti x’għamlu biex ma jsirux jafu! Ismagħhom jirrakkontawha hawn:

Imbagħad jgħidu li l-irġiel kurjużi! Mhux fair! U mhux fair ukoll li l-irġiel bit-trabi ma jsibux fejn ibiddlu l-ħarqa tat-tarbija tagħhom f’toilets pubbliċi, għaliex in-nappy changers issibhom biss fit-toilets tan-nisa. Dan ukoll kien argument ieħor li qajmu l-missirijiet Kevin, Ludwig, Wayne u Andy nhar il-Ġimgħa f’Xarabank u kollha qablu li għandu jkun hemm aktar ugwaljanza għall-irġiel f’dan is-sens. Barra minn hekk il-missirijiet tas-sufan tkellmu wkoll fuq il-bżonn li huma jkollhom aktar ġranet ta’ parental leave.

Għalina, Ludwig, Wayne, Andy, Kevin u l-missirijiet l-oħra li kellna fuq is-sufan huma x-xempju ta’ kif għandhom ikunu ħafna missirijiet, għaliex iridu li jkunu involuti fit-trobbija tat-tfal u fil-ħajja tad-dar u tal-familja.

Issa hemm mistoqsija li aħna ta’ Xarabank naħseb li wasal iż-żmien li nweġbuha. Ħafna nies jistaqsuna: “Għalfejn dejjem iġġibu l-aħbarijiet dwar il-babies tan-nies famużi ta’ Malta? Mela m’hemmx nies oħra li jwelldu t-trabi wkoll. Dawn mhux trabi wkoll? Għalfejn ma ġġibux tagħhom ukoll?”

Vera. Aħna nfittxu li nxandru ħafna stejjer li jiġru lill-personalitajiet. Imma Xarabank mhuwiex tal-personalitajiet biss. Xarabank huwa wkoll tan-nies li ma jidhrux fuq it-TV u li mhumiex magħrufa. U għalhekk, aħna qed nistiednu lilkom li kellkom tarbija fl-2016. Ibagħtulna ritratt tagħkom mat-tarbija, u għidulna x’jismu/x’jisimha u meta twieled/twieldet, u jekk ikollna biżżejjed ritratti, aħna niġbruhom flimkien u nipubblikawhom fuq din il-website.

Sadanittant, nawguraw lil dawk kollha li qed jistennew tarbija fl-2017 (inkluż waħda mill-video editors tagħna!) u nirringrazzjaw lill-istaff tal-isptar għax-xogħol impekkabbli li jagħmlu mit-Tnejn sal-Ħadd.

Qed nistennewkom!

Kitba: Anthony Baldacchino

Ritratt tal-faċċata: myhousecallmd.com

 

Kummenti

Share With:
Rate This Article
Author

hod@smartict.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.