HomeLokaliL-attriċi Karmen Azzopardi riedet tidħol soru tal-klawsura u ma ħallewhiex

L-attriċi Karmen Azzopardi riedet tidħol soru tal-klawsura u ma ħallewhiex

L-attriċi magħrufa u maħbuba mal-Maltin Karmen Azzopardi llum għandha 83 sena, imma għadha attiva ħafna. Ftit ġimgħat ilu interpretat il-parti prinċipali ta’ “Hekuba” fi play li ttellgħet fit-Teatru Manoel, u li għaliha kellha tistudja script ta’ 90 paġna.

Imma f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa, Karmen Azzopardi żvelat li meta kienet għadha teenager ippruvat tidħol soru tal-klawsura.

“Ma dħaltx tort tal-Madre Superjura.”

Karmen tirrakkonta kif minn mindu kienet żgħira kellha l-ħajra għall-ħajja tat-talb u l-kontemplazzjoni, u ddeċidiet li tipprova tidħol soru tal-klawsura. Marret Bormla, fil-kunvent tas-sorijiet Karmelitani Skalzi u staqsiet għall-Madre Superjura.

Karmen tirrakkonta kif dakinhar kienet għadha żgħira u rqiqa ħafna, u qagħdet tistenna wara purtiera. U tirrakkonta: “Malli l-Madre Superjura fetħet il-purtiera u ratni qaltli ‘le binti kemm int irqiqa, hawnhekk hawn ħajja iebsa, mintix tajba għal magħna.'”

Imma Karmen ma qatgħetx qalbha, u kitbet ittra lill-Monasteru ta’ Santa Tereża fi Franza, bit-tama li jaċċettawha bħala soru hemmhekk. U weġbitha oħt Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.

“Ktibt ittra u kitbitli lura oħt Santa Tereża tal-Bambin Ġesù.”

 

Imma lanqas hemmhekk ma aċċettawha. Wara li għadda ħafna żmien, Karmen iżżewġet. “Ħafna snin wara żżewwiġt u kelli ħajja ta’ miżżewġa feliċi ħafna.”

Ir-raġel ta’ Karmen miet disa’ snin ilu u Karmen tgħid li sal-lum il-ġurnata, ix-xewqa li tgħix ħajja kontemplattiva għadha tbaqbaq ġo fiha. Minjaf…forsi wara ħajja attiva bħal dik, tidħol soru!

 

Karmen Azzoaprdi kienet f’Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa li għaddiet u tista’ taraha tirrakkonta din l-istorja hawn taħt.

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Daniela.Farrugia@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.