HomeEwleninTaf min se jippreżenta l-Eurovision din is-sena?

Taf min se jippreżenta l-Eurovision din is-sena?

Il-kantanti finalisti nafu min huma, il-kanzunetti smajnihom, u d-data tal-Eurovision nafuha wkoll. L-unika ħaġa li għadna ma nafux hija min se jippreżenta l-Eurovision ta’ din is-sena. Is-sena l-oħra ħallew f’idejn Ben Camille u morna tajjeb. Kien hemm eċitazzjoni (SIC) kbira fis-sala, l-aktar fost in-nisa.

Allura jiena qed nissuġġerixxi dawn l-għaxra min-nies li naħseb li jkunu tajbin ħafna biex jippreżentaw il-Eurovison ta’ din is-sena.

1. Corazon

corazon

Ritratt: Jessica C. Moritz – Lifestyle Photographer

Corazon din is-sena ħabbret li mhux se tkun qed tieħu sehem fil-Eurovision minħabba raġunijiet personali. Imma dan ma jfissirx li m’għandniex narawha fuq il-palk! Corazon hija kantawtriċi brava ħafna u tista’ tiftaħ il-Eurovision b’kanzunetta minn tagħha. Tista’ tkanta “Illejla b’Xejn” pereżempju, għax għaliha, dik illejla se jkun irnexxielha tieħu sehem fil-Eurovision b’xejn. U eżatt qabel jibda l-għadd tal-voti tista’ tkanta “Kieku Taf,” għax dak il-ħin kulħadd ikun fuq ix-xwiek biex ikun jaf min rebaħ il-Eurovision. U barra minn hekk, Corazon hija nutar, jiġifieri tista’ tkun in-nutar tar-riżultat wkoll, u hekk il-PBS ikun iffranka li jġib nutar.

2. Angie Laus u Wayne Aquilina

untitled-design-2

Angie u Wayne huma żewġ fans kbar tal-Eurovision, imma għadu qatt ma kellhom iċ-ċans li jippreżentawh. Angie bdiet bħala żeffiena u mbagħad daħlet ma’ Xarabank. Wara Xarabank ipproduċiet u ppreżentat diversi programmi fosthom “Deal or No Deal,” “Pjazza,” “Fil-Pjazza tar-Raħal,” u issa ilha għaxar snin tagħmel “Ħadd Għalik.” Angie hija bravissima fejn tidħol il-produzzjoni ta’ programmi divertenti, u l-Eurovision żgur li huwa l-għalqa tagħha.

Din hija Angie meta kienet għadha żgħira ħafna, tippreżenta l-ewwel programm tagħha “Ġenn” ma’ Valerie Vella.

Wayne Aquilina mhux b’inqas. Wayne sar popolari l-aktar bil-magazine programme li jippreżenta kuljum fuq ONE, “Espresso.” F’dan il-programm Wayne u Pawla rnexxielhom jagħmlu ħoss kbir l-aktar bit-telefonati kultant ħelwin u kultant assurdi li jirċievu live. Għalkemm Wayne għadu kif sar papà u żgur li bħalissa għandu ħafna x’jagħmel, m’għandix dubju li kieku jgħidulu biex jippreżenta l-Eurovision jara kif jagħmel u jdeffsu fl-iskeda!

Dan hija waħda mill-ħafna telefonati ħelwin li jidħlu waqt Espresso.

3. Taryn Mamo Cefai u Larissa Bonaci

untitled-design

Jekk jippreżentawh Taryn u Larissa żgur li jkun AMAZING, mhux biss għax it-tnejn mazez, imma wkoll għax mhux soltu jippreżentawh żewġ tfajliet. U jkun AMAZING ukoll għaliex Taryn qisha togħġobha dik il-kelma. Fil-Junior Eurovision fuq ir-red carpet qalitha daqs 90 darba. Lil Taryn nafuha taħdem il-parti ta’ Lydia fis-serje “Strada Stretta” u lil Larissa nafuha ħafna fuq il-palk, fi “Bla Kondixin,” u fuq it-televiżjoni, f'”Illostra” u f'”Cook Off” li se jibda dalwaqt. Jiġifieri jekk jippreżentawh dawn it-tnejn, inkunu lqatna erba’ għasafar b’ġebla waħda – it-tnejn preżentaturi, it-tnejn kantanti, it-tnejn atturi, u dan kollu jagħmluh b’mod sexy ħafna. Xi trid aktar John Bundy ruħi?!

4. Quinton Scerri

quinton

Quinton ilu ħafna qrib li jippreżenta l-Eurovision ukoll. Is-sena l-oħra poġġewh fost il-ġurija. Jiena naħseb li jekk jippreżentah hu jkun Eurovision skjett u ma joqgħodx itertqilna qalbna biex jgħidilna min rebaħ. U issa, wara li ilu kważi sentejn jippreżenta programm kuljum fuq l-Istazzjon Nazzjonali, Quinton reħielu sew ilsienu, u żgur li ma jsibhiex diffiċli biex jimla’ l-vojt ta’ bejn kanzunetta u oħra. Barra “Skjetti” Quinton ħadem ma’ żewġ stazzjonijiet tat-televixin, ħadem f’Ministeru, u kien sindku ta’ Ħaż-Żabbar, jiġifieri dan ikun preżentatur li kien ukoll politiku!

5. Josh u Sean (Danusan)

danusan-1

F’Malta aħna daqsxejn ossessjonati bil-bilanċ politiku, speċjalment fuq l-Istazzjon Nazzjonali. Iffissati li rridu nagħtu l-istess spazju lin-Nazzjonalisti u lil-Laburisti. Dan il-bilanċ politiku nistgħu nilħquh fil-Eurovision ukoll, jekk iqabbdu lil Josh u Sean biex jippreżentawh. Josh u Sean huma karattri ta’ żewġt itfal, wieħed Laburist u l-ieħor Nazzjonalist, it-tnejn ippatentjati. Il-karattri huma interpretati minn Danusan, li bl-istil uniku tagħhom żgur li jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna.

6. Karmelo Arancini (Stephen Mifsud)

karmelo

Jekk irridu lil xi ħadd fuq tiegħu jippreżenta l-Eurovision, m’hemmx għażla oħra ħlief Karmelo Arancini, il-karattru popolari ta’ “Min Imissu,” li kull min jiġi taħt idejh iriegħdu bil-mistoqsijiet diffiċli u jgħid l-affarijiet kif inhuma f’wiċċ dak li jkun. Il-karattru interpretat minn Stephen Mifsud huwa evindentement influwenzat minn Norman Lowell u żgur li f’setup bħal ma hu tal-Eurovision ikollu ħafna x’jaqla’ lill-kantanti u lill-produzzjoni bl-istil komiku tiegħu. Forsi jista’ jkun hemm Eclair jippreżenta miegħu wkoll, li kif jafu ħafna, huwa kompletament differenti minn Karmelo.

7. Mark Laurence Zammit

mark

U kif qed inżommu l-bilanċ bejn il-Laburisti u n-Nazzjonalisti, tajjeb li nżommu l-bilanċ ukoll bejn il-Maltin u l-Għawdxin. Għalhekk qed nissuġġerixxi li l-Eurovision ta’ din is-sena jippreżentah l-Għawdxi Mark Laurence Zammit (Mark ta’ Xarabank jiġifieri). Ilu jistagħġeb ħafna li trid tinbena l-mina, u din tista’ tkun l-ewwel mina simbolika bejn iż-żewġ gżejjer (għax il-mina propja għadu jrid idum jistenniha!) F’Xarabank Mark huwa ġurnalist, producer scriptwriter (u qabel daħal jaħdem ma’ Xarabank kiteb Musical sħiħ). Għalhekk, jekk jgħidulu biex jippreżenta l-Eurovision ikun jista’ jagħmel kollox hu – joħroġ bl-ideat, jagħmel ir-riċerka dwar il-kantanti, jikteb l-iscript u jippreżentah bl-istil partikolari tiegħu. U b’hekk il-PBS ikunu iffrankaw ħafna flus! (Avolja probabilment ikollhom jonfquhom xorta waħda biex jiġbrulu xagħru sura għal fuq il-palk).

Ovvjament, inħalli f’idejn il-PBS biex jagħżlu min se jippreżenta l-Eurovision ta’ din is-sena, imma nixtieq li jagħżlu lil xi ħadd minn dawn, ħalli mbagħad inkun nista’ nikteb artiklu ieħor u ngħid li qagħdu fuq is-suġġerimenti tiegħi!

Kitba: Anthony Baldacchino

Kummenti

Share With:
Rate This Article

anthony@pureconcepts.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.