HomeBla KantunieriTraġedja fil-futbol Malti

Traġedja fil-futbol Malti

Il-plejer tal-Marsa Yessous Camilleri weġġa’ gravi waqt logħba futbol fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun nhar il-Ħadd li għadda. Waqt il-logħba, Yessous waqa’ fuq siequ u kiser l-għaksa minn tliet naħat u b’kawża ta’ hekk se jkollu jqatta’ l-istaġun sħiħ ta’ din is-sena barra mil-logħob. B’ħafna kura u attenzjoni, Yessous se jkun jista’ jerġa’ jimxi sewwa f’Marzu, imma jista’ jgħoddha b’waħda, għaliex l-inċident li kellu seta’ ħassarlu l-karriera sportiva kollha.

yessous-goal

Yessous jiskorja gowl waqt logħba bejn Valletta u Mosta sentejn ilu (ritratt: timesofmalta.com)

Aħna tkellimna ma’ Yessous, li qalilna li l-agħar ħaġa ma kinitx li weġġa’, imma li dam nofs siegħa jistenna l-ambulanza biex tieħdu l-isptar. Jgħidilna li f’dak il-ħin tal-logħba ma kienx hemm ambulanza preżenti u għal nofs siegħa sħiħa kellu jibqa’ mimdud mal-art jokrob bl-uġigħ.

“Domt 30 minuta mimdud fuq stretcher mal-art nistenna l-ambulanza.”

Yessous ikompli jgħidilna: “Imn’Alla kien hemm xi ħadd ġabli kutra biex ma nħossx il-bard.”

Aħna tkellimna wkoll mal-Malta Football Players Association, li tinsab urtata bis-sitwazzjoni attwali fl-istadiums tal-futbol f’Malta. Dan għaliex bosta plejers li jweġġgħu waqt il-logħob, mhumiex isibu assitenza medika adekwata.

Dak li ġara lil Yessous ikompli mas-serje ta’ inċidenti simili li seħħew fl-aħħar ġimgħat u skont stqarrija li ħarġet l-MFPA aktar kmieni din is-sena, bosta plejers li jweġġgħu lanqas l-aktar assistenza medika bażika ma jsibu.

Irridu ngħidu li f’ħafna mill-inċidenti żgħar li jseħħu waqt il-logħob tal-futbol, fiżjoterapista jew in-ners tal-MFA ikunu biżżejjed biex jikkuraw lill-plejer, u dawn dejjem ikunu hemm. Madanakollu, irid ikun hemm ambulanza standby f’każ li jiġru inċidenti aktar serji, bħal ma kien l-inċident ta’ Yessous.

Riċentament, il-plejer Bjorn Kristensen ukoll weġġa’ waqt il-logħba bejn Hibernians u Balzan u kellu bżonn punti f’rasu, iżda fil-grawnd ma’ kienx hemm tabib, la ta’ Hibernians F.C u lanqas ta’ Balzan F.C.

bjorn-kristensen

Bjorn Kristensen waqt logħba mat-tim nazzjonali Malti

Dan is-sit tkellem ukoll ma’ Carlo Mamo mill-MFPA, li qalilna li kienu diġà ġibdu l-attenzjoni tal-MFA dwar din il-kwistjoni. L-MFPA ipproponiet biex l-MFA flimkien mal-klabbs tal-futbol jistabilixxu rekwiżiti mediċi għal waqt il-logħob. Mamo sostna li għandu jkun hemm għall-anqas ambulanza u tabib preżenti f’kull logħba u temm jgħid:

“Hemm bżonn li nagħmlu xi ħaġa malajr qabel tiġri xi traġedja serja.”

carlo-mamo-xarabank

Carlo Mamo mill-MFPA (fin-nofs) waqt diskussjoni dwar il-futbol Malti f’Xarabank ftit ġimgħat ilu

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Jessica.camilleri@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.