HomeLokaliDiskussjoniX’għandek tagħmel jekk tinduna b’xi ħadd qed jipprova jisirqek fuq l-internet?

X’għandek tagħmel jekk tinduna b’xi ħadd qed jipprova jisirqek fuq l-internet?

Matul il-jiem li għaddew, fl-uffiċċju ta’ Xarabank irċevejna diversi ilmenti ta’ nies li qalulna li qed ikun hemm xi ħadd iċemplilhom id-dar u jgħidilhom li huwa mill-kumpanija Microsoft. Dan ix-xi ħadd jgħidilhom li għandhom ħsara fil-kompjuter, u jipprova jidderġihom biex jirranġalhom il-ħsara billi jitlobhom ħafna dettalji dwarhom infushom u dwar il-kompjuter tagħhom. M’għandniex dubju li ħafna minnkom diġà smajtu b’din il-iscam, u forsi ġrat lilkom u ma waqajtux għaliha. F’xarabank.com.mt, aħna tkellimna mal-ispettur Timothy Zammit u staqsejnih x’għandhom jagħmlu n-nies li jibdew jiddubitaw li qed jiġu mqarrqa fuq l-internet.

Dawn it-telefonati, ovvjament, ma jkunux mill-kumpanija Microsoft, iżda huma ġejjin mingħand nies li meta jċemplulek jimlewlek moħħok li se tlaqqat virus fil-kompjuter, u dak il-ħin, fil-paniku li jaqbdek, jibagħtulek email, li jekk tidħol fiha, huma jkollhom aċċess għall-kompjuter tiegħek u jirranġawlek kollox. Din kollha hija gidba.

L-ispettur Timothy Zammit jaħdem mas-Cybercrime Unit u staqsejnih x’għandu jagħmel xi ħadd li jirċievi telefonata bħal din. L-ispettur qalilna li “meta persuna tkun qed issegwi l-istruzzjonijiet li jagħtuha dawn in-nies, tkun qed tagħti l-kontroll tal-kompjuter tagħha lil dawn in-nies. Tkun qed tagħtihom aċċess biex bażikament jagħmlu li jridu.”

“F’ċerti każijiet joħdulhom dokumenti minn fuq il-kompjuter u saħansitra jakkwistaw aċċess għall-kont tal-bank.”

 

L-Ispettur Zammit jappella biex in-nies joqogħdu attenti u ma jafdawx lil xi ħadd li ma jafuhx fuq l-internet. Jgħid ukoll, li affarijiet li jidhru too good to be true fuq l-internet, probabilment mhumiex ġenwini.

Microsoft Malta kienet ħarġet stqarrija xi żmien ilu, fejn avżat lill-pubbliku li bħala kumpanija, Microsoft  qatt ma tikkuntattja lin-nies privatament permezz tat-telefown jew email, u mhuwiex fil-prinċipju tagħha li tagħti pariri jew tbiegħ servizzi permezz tat-telefown.

Għaldaqstant, jekk inti tirċievi telefonati bħal dawn, injorahom mill-ewwel. Jekk diġà tajt xi informazzjoni lil xi ħadd li ma tafux fuq l-internet, tista’ titlob l-għajnuna tas-Cybercrime Unit ta’ Malta billi ċċempel fuq 2294 2213, jew tista’ tibagħtilhom email fuq computer.crime@gov.mt.

Hawn taħt tista’ tara l-intervista li għamilna lill-Ispettur Timothy Zammit. F’dan il-filmat, l-Ispettur jitkellem dwar tipi differenti ta’ scams, imma jistqarr li l-aktar ilment komuni li qed jirċievu huwa dwar din l-iscam tal-Microsoft.

Ritratt: informationsecuritybuzz.com

Kummenti

Share With:
Rate This Article

Daniela.Farrugia@wemedia.com.mt

No Comments

Sorry, the comment form is closed at this time.